gov.mt

PR261445

PR261445

07/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jiddeplora l-kummenti indirizzati lejn l-Avukat Ġenerali u istituzzjonijiet ta’ pajjiżna f’diversi istanzi fl-aħħar ġranet u sigħat wara l-għoti tas-sentenza fuq il-verdett tal-ġuri dwar il-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministeru jtenni li dan mhux żmien għal kummenti partiġġjani u dispreġġjattivi u lanqas huwa mument ta’ attakki u insulti lejn l-istituzzjonijiet. Il-Gvern qed jieħu pożizzjoni kawta u responsabbli mibnija fuq il-ħtieġa li din il-kwistjoni tiġi indirizzata b’maturità u prudenza.

Il-Ministeru jtenni wkoll l-importanza li jkun hemm rispett lejn id-deċiżjonijiet tal-Qrati. L-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaqdu dmirhom, kif dejjem qdew; u li ma tkunx preġudikata ebda proċedura li għadha tista’ tittieħed skont il-liġi. Dan huwa dak li titlob is-Saltna tad-Dritt u sistema demokratika matura.

Sadanittant il-ħidma ta’ dan il-Gvern turi l-impenn biex f’pajjiżna jkomplu jissaħħu d-demokrazija, l-ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt. Dan huwa konfermat bid-dħul u l-implimentazzjoni ta’ numru ta’ riformi li ddaħħlu f’dawn is-snin riċenti.

Matul dawn is-snin ġie implimentat programm estensiv ta’ riformi sabiex tissaħħaħ l-indipendenza istituzzjonali, jiżdied l-iskrutinju u l-proċessi ġudizzjarji jsiru aktar speċjalizzati u effettivi. Dan jinkludi r-riforma tal-ħatriet tal-ġudikatura, it-twaqqif tal-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura, it-twaqqif ta’ Qorti Kummerċjali speċjalizzata u r-riforma tal-Qorti tal-Familja. Saret ukoll ħidma fuq ir-riforma tal-inkjesti Maġisterjali.

Is-Sistema Ġudizzjarja kompliet tingħata iktar għodda biex taħdem, kemm fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u wkoll fil-Qrati: fl-2020, il-ġudikatura kienet magħmula minn 43 Membru filwaqt li llum tgħodd mat-62 Membru, żieda ta’ aktar minn 40 fil-mija. Illum hemm aktar minn 48 Avukat tal-Qorti full-time u aktar minn 51 Assistent Ġudizzjarju kwalifikat fil-liġi.

Illum, l-Imħallfin u l-Maġistrati jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikatura wara sejħa pubblika għan-nomini. Dan ifisser li l-Gvern għażel konxjament li jillimita s-setgħa tiegħu stess.

Is-Saltna tad-Dritt ma tfissirx li l-politiċi jiddeċiedu liema persuna għandha titressaq, tinstab ħatja jew tinħeles. Tfisser li l-investigaturi jinvestigaw, il-prosekuturi jieħdu d-deċiżjonijiet fdati lilhom mil-liġi u l-Qrati jiġġudikaw b’indipendenza.

Dan il-Gvern għażel triq konsistenti, dik li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet iżda ma jindaħalx fid-deċiżjonijiet tagħhom.

Il-Ministeru jtenni li l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom, filwaqt li bħala Gvern, se jibqgħu jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa lill-investigaturi biex jagħmlu xogħolhom skont dak ordnat mill-Qorti.